Jekk għandu jirreżenja Busuttil, aħseb u ara Mizzi u Schembri – attivisti

L-attivisti tal-gruppi #OccupyJustice u Awturi staqsew li jekk għall-Prim Ministru Joseph Muscat u għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jixraqlu jirreżenja għax Egrant mhix ta’ Muscat, “kemm aktar misshom jirreżenjaw il-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li nqabdu fil-fatt?”.

Fi stqarrija b’reazzjoni għat-talba ta’ Delia biex Busuttil jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari, OccupyJustice u Awturi qalu li huma ddispjaċuti bl-alleanza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex tinħeba l-verità u titbiegħed il-ġustizzja.

L-attivisti saħqu li huma rrabjati bl-Oppożizzjoni li jemmnu li abdikat mir-responsabbilità tagħha milli tgħasses l-imġieba tal-Gvern. “Minflok, ilbieraħ intemmet it-trasformazzjoni tal-Oppożizzjoni f’aġent tar-reġim”.

L-attivisti qalu wkoll li Delia kkundanna lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fuq dak li qal il-Prim Ministru mingħajr ma ra r-rapport tal-inkjesta.

“Hi t-tama tagħna li l-azzjonijiet ta’ Adrian Delia, ikkoordinati minn quddiem il-kwinti minn Joseph Muscat, ma jsikktux lil kull min hu ta’ rieda tajba u jixtieq jara li tipprevali l-ġustizzja.”

Skont l-attivisti, Malta dieħla fi żmien mudlam fejn il-poter kollu fil-pajjiż hu maħtuf u miżmum mill-ftit madwar Joseph Muscat.

Ilbieraħ, ftit minuti qabel mal-Prim Ministru indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.