“Jekk għandhom gwerra fil-pajjiż nibagħtu ajruplan biex insalvawhom” – PM

PL

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li meta pajjiż ikun għaddej minn gwerra u ħafna persuni jkunu se jisfaw vittmi tagħha, pajjiżi oħra għandhom jibagħtu ajruplan għal dawn il-persuni u joffrulhom l-ażil sakemm is-sitwazzjoni titranġa għall-aħjar.

Dan qalu waqt intervista fuq One Radio fejn kien qed jiddiskuti l-kriżi Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-każ riċenti tal-MV Lifeline.

Dr Muscat insista li l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil ma jitilqux minn pajjiżhom b’kapriċċ u x-xewqa tagħhom tibqa’ dejjem li jirritornaw lura malli s-sitwazzjoni taqleb għall-aħjar.

“Ma nieħdux il-ftehim Ewropew bħala soluzzjoni finali”

Il-Prim Ministru sostna li min jaħseb li l-fenomenu tal-immigrazzjoni jissolva b’tagħfisa ta’ buttuna “ma jafx x’inhu jgħid”.

Spjega li ilu jattendi għal-laqgħat tal-Unjoni Ewropea għal dawn l-aħħar sitt snin u dejjem jisma’ l-istess kliem. Minkejja li insista li l-ftehim li tfassal mil-laqgħa tas-Sibt li damet disa’ sigħat kien pass ‘il quddiem, hemm bżonn li l-kliem jinbidlu għal fatti.

Sostna li minkejja li Malta spiċċat “bejn il-basla u qoxritha”, irnexxiela ġġib l-appoġġ tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea b’mod unanimu, kemm b’mod espliċitu, kif ukoll b’mod impliċitu. Irrimarka li bil-passi li ħadet Malta fil-konfront tal-Lifeline, Malta għamlet dak li l-Unjoni Ewropea qatt ma rnexxiela tagħmel.

“Il-Lifeline kiser bosta regolamenti; ma nittolerawhx”

Waqt l-intervista, il-Prim Ministru sostna li mhux se jittollera ksur ta’ liġi tat-tip tal-kaptan tal-MV Lifeline.

Spjega kif il-kaptan mhux talli ostakola lill-gwardjani tal-kosta Libjana milli jagħmlu xogħolhom, xogħol li insista wassal sabiex salvaw eluf ta’ ħajjiet, iżda nstab li dan ma kienx qed jopera b’mod legali.

Minkejja li l-bastiment kellu miktub Amsterdam, instab li dan ma kienx irreġistrat hemmhekk. Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, kellu biss irċevuta li l-vapur kien inxtara mill-pajjiż.

Il-Prim Ministru kompla jgħid kif il-kaptan kompla jikser aktar liġijiet internazzjonali meta ddeċieda li jitfi r-radar li bih setgħu jkunu jafu fejn qiegħed il-vapur.

Dr Muscat spjega li bħalissa għaddej proċess sabiex dawk kollha li jinstab li ma ġewx f’Malta għall-ażil se jintbagħtu lura.