Jekk għandek iPhone, iPad jew Mac…

Jekk għandek iPhone, iPad jew Mac jaqbillek toqgħod attent x’links tagħfas, jekk ma tridx imsarnek jinżlu f’saqajk.
Bħalissa fuq il-mezzi soċjali qed iddur link magħmula minn ittri u numri, li meta tagħfasha ddaħħlek fis-siti CrashSafari.com jew CrashChrome.com, li jikkraxxjawlek il-browser rispettiv u dritt wara jintfielek l-apparat teknoloġiku u jerġa’ jinxtegħel.
Ħafna kienu dawk li ppanikkjaw meta raw l-iPhones tagħhom jirreaġixxu b’dan il-mod, madanakollu din qed titqies biss bħala “ċajta goffa.”
Fortunatament min jagħfas fuq il-link, ma jkunx qed jinstalla xi tip ta’ malware u lanqas jagħmel ħsara.
Din mhix l-ewwel darba li l-iOS ġie attakkat b’dan il-mod. F’Mejju li għadda, meta wieħed kien jibgħat sett speċifiku ta’ karattri Għarab kien iwassal biex l-ismartphone jikkraxxja.