Jekk għandek iPad jew iPhone attent minn virus ġdid!

Familja ġdida ta’ malware qed tattakka l-prodotti tal-Apple.
Bl-isem ta’ WireLurker, dan il-malware jidħol fis-sistemi OS X u l-iOS u jinfettahom. Dan billi jinstalla apps qarrieqa, fuq l-iPhones u l-iPads. Għandu l-abbiltà li jinduna meta wieħed iqabbad iPhone jew iPad ma’ kompjuter li jaħdem bis-sistema OS X, u dlonk jibda jinstalla l-apps qarrieqa.
Qed jissemma li bħalissa qed jattakka prodotti fiċ-Ċina, iżda ma jfissirx li ma jistax jinfirex.  Fil-fatt, il-kumpanija tas-software li skoprietu qed tiddeskrivieh bħala l-ikbar malware li qatt raw.
Minn naħa tagħha l-Apple qalet li hi konxja minn dan is-software malizzjuż u li blokkjaw l-apps identifikati biex ma jiġux installati.