Jekk għandek 18-il sena, ara kif tista’ ddur l-Ewropa b’xejn

Żgħażagħ li twieldu fis-sena 2000 huma fiċ-ċans li jieħdu sehem f’kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li trebbaħhom vjaġġ madwar l-Ewropa li jista’ jdum sa 30 ġurnata fis-sajf tal-2019.

Iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw għall-kompetizzjoni DiscoverEU billi jżuru s-sit European Youth Portal u hemmhekk jgħidu kif jippjanaw li jqattgħu s-safra huma. Imbagħad, mit-tweġibiet tagħhom, jintgħażlu wħud minnhom biex iwieġbu mistoqsijiet dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss, u l-kultura u d-diversità Ewropea.

Il-Kummissjoni qalet fi stqarrija li qed tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali jew dawk li jaffaċċjaw xi sfidi fis-soċjetà biex japplikaw għax hija lesta li tiħdilhom ħsieb kull spiża li jaf ikollhom.

Dawk li jintgħażlu jistgħu jivvjaġġaw waħedhom jew fi grupp, li jista’ jkun magħmul minn massimu ta’ 5 persuni. Huma mistennija jivvjaġġaw bi tren, imma fejn dan mhux possibbli, jistgħu jużaw mezzi oħra ta’ trasport.

L-ewwel darba li saret din il-kompetizzjoni tat 15,000 persuna l-opportunità li jduru l-Ewropa bejn Lulju u Ottubru tal-2018. Huma jistgħu japplikaw sal-11 ta’ Diċembru. Min jintgħażel ikun jista’ jsiefer bejn il-15 t’April u l-31 t’Ottubru tal-2019 għal massimu ta’ 30 ġurnata. DiscoverEU tnediet f’Ġunju li għadda b’baġit ta’ €12-il miljun.