Jekk għadek ma rrealizzajtx, illum il-21 ta’ Ġunju beda s-sajf

L-istaġun tas-sajf beda f’nofs il-lejl li għadda. Din il-ġurnata hi l-aktar waħda twila ta’ matul is-sena bix-xemx titla’ fil-05.45 u tinżel fit-20.21, total ta’ 14-il siegħa, 35 minuta u 46 sekonda, skont is-sit timeanddate.com.

Il-ġurnata tal-lum hi l-172 waħda ta’ matul is-sena (173 jekk Frar ikollu 29 ġurnata).  Waqt li f’dan il-jum jibda l-istaġun tas-sħana fl-emisfera tat-Tramuntana tad-dinja, dawk fl-emisfera tan-nofsinhar jibda l-istaġun tax-xitwa għalihom.

Matul l-Istorja, f’din id-data seħħew avvenimenti li baqgħu jissemmew. Fost dawn insibu dawn is-snin li ġejjin:

1791: Ir-Re Lwiġi XVI ta’ Franza ħarab mal-familja tiegħu minn Pariġi biex jevita l-qilla tal-poplu waqt ir-rivoluzzjoni Franċiża.

1900: Iċ-Ċina ddikjarat uffiċjalment gwerra kontra l-Istati Uniti, l-Ingilterra, il-Ġermanja, Franza u l-Ġappun.

1963: Il-Kardinal Giovanni Battista Montini kien elett bħala Papa Pawlu VI.

1978: Il-musical Evita ta’ Tim Rice u Andrew Lloyd Weber fetaħ f’Londra fil-Prince Edward Theatre.

1982: Twieled il-Prinċep William tal-Ingilterra.

Jum il-Missier jitfakkar fl-Eġittu, fil-Libanu, fil-Ġordan, fis-Sirja, fl-Uganda, fil-Pakistan u fl-Emirati Għarab Magħqudin.