Tinxteħet fl-art quddiem il-Qorti u…

Jekk kont għaddej il-Belt dalgħodu stajt tinnota tpinġija mhux tas-soltu quddiem il-Qorti. Ħafna li ta' kuljum jgħaddu minn Triq ir-Repubblika ġieli nnuttaw mara fl-art tpinġi mal-kantuniera tal-Qorti bil-kuluri tal-ġips. Ta' spiss issibha mdawra mit-turisti li jieqfu biex jammiraw ix-xogħol artistiku tagħha. Newsbook.com.mt tkellem ma' Farina, li llum kienet quddiem il-Qorti tpinġi wiċċ Kristu bil-kuruna tax-xewk fl-okkażżjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Ma' Newsbook.com.mt Farina stqarret is-sodisfazzjon li tħoss mill-kummenti pożittivi li tirċievi minn dawk li jieqfu jammirraw it-tpinġijiet li tkun qed taħdem fuqhom, filwaqt li ħafna jikkummentaw li hi ħasra li m'hawnx ħafna dilettanti tal-arti tat-triq. Mistoqsija dwar l-appoġġ li tirċievi, l-artista stqarret li għalkemm il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jappoġja l-ħidma artistika taglha, sfortunatament hawn min iqis din l-espressjoni artistika bħala tip ta' vandaliżmu, allavolja dak li qed tagħmel u l-materjal li tuża ma jagħmilx ħsara u mhux permanenti. Ritratti: Leon Xuereb