“Jekk għaddej minn vjolenza domestika fittex l-għajnuna” – Miriam Vella

Mart il-President ta’ Malta, Miriam Vella appellat biex kull min għaddej minn xi tip ta’ vjolenza domestika jfittex l-għajnuna. Qalet li tinsab konxja tat-tbatijiet li jiffaċċjaw il-vittmi tal-vjolenza domestika, tant li matul is-snin b’mod regolari l-Malta Community Chest Fund Foundation għenet nisa li rrikorrew għall-għajnuna soċjali u medika.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarji għall-Vjoelnza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri spjegat kif l-inċertezza fil-familji minħabba l-pandemija tal-coronavirus żiedet fl-istress, speċjalment fejn hemm problemi ta’ abbuż, vjolenza u/jew mard mentali u fiżiku. Qalet li din is-sitwazzjoni taf tiggrava l-problemi eżistenti u għalhekk jeħtieġ ikun hawn kuxjenza akbar dwar dan.

Dan qaluh waqt laqgħa virtwali li kellhom flimkien f’Jum l-Omm fejn tkellmu dwar il-vjolenza domestika u ddiskutew is-sitwazzjoni attwali ta’ dan f’Malta.

Vella xtaqet tieħu l-opportunità biex f’Jum l-Omm twassal messaġġ ta’ tama u ta’ kuraġġ lill-vittmi. “Tibżgħux titkellmu u tfittxu s-sostenn tal-entitajiet konċernati. M’hawn xejn agħar milli wieħed ma jħossux sigur fid-dar tiegħu stess. Għalhekk agħmlu kuraġġ, tibżgħux u fittxu l-għajnuna qabel ma jkun tard wisq.”

Intant, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, Vella xtaqet ukoll tagħti għajnuna lill-ommijiet li qed jgħixu fi tliet xelters li jagħtu kenn lill-vittmi tal-vjolenza domestika f’Dar Merħba Bik, Dar Qalb ta’ Ġesù u L-Għabex. Dan billi bagħtet basktijiet b’rigali varji għar-residenti ta’ dawn ix-xelters. Dawn it-tliet xelters jgħinu lin-nisa u lill-ommijiet (vittmi tal-vjolenza domestika) u uliedhom ta’ etajiet differenti, biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom f’ċirkostanzi aħjar.