Jekk fil-ħajja tkun ottimist tgħix aktar

Studju li sar mill-Università ta’ Boston wera li jekk fil-ħajja tkun ottimist hemm ċans tajjeb li tgħix ferm aktar minn dawk li huma pessimisti. Fil-fatt 70 fil-mija ta’ dawk li jaraw id-dinja mil-lat pożittiv għandhom l-isbaħ ċans li jgħixu sa 85 sena.

L-esperti sabu li min jilqa’ tajjeb it-taħbit tal-ħajja u ma jħallix l-inkwiet jagħmel bih iżżejjed, dawn inaqqsu l-effett negattiv fuq ġisimhom stess. Dawn x’aktarx li jippjanaw ħajjithom biex jagħmlu dak li jixtiequ u hemm tendenza kbira li jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju u jieklu biss ikel bnin.

L-istudju sar fuq 70,000 mara matul 10 snin, u fuq 1,500 raġel għal aktar minn 30 sena, wara li tawhom kwestjonarju biex jgħidu kif iħarsu lejn l-ħajja.

Aktar minn 50 fil-mija tan-nisa pożittivi kellhom il-possibbiltà li jagħlqu l-85 sena u l-irġiel pożittiv kellhom 70 fil-mija aktar probabbiltà li jilħqu dik l-età.

L-istudju kien pubblikat fil-ġurnal Proceedings of the National Academy of the Sciences u d-definizzjoni ta’ ‘ottimiżmu’ kienet ‘it-twemmin li l-futur ikun sabiħ għaliex wieħed jista’ jikkontrolla b’mod tajjeb dak li jiltaqa’ miegħu fil-ġejjieni’

Min-naħa l-oħra, il-pessimisti jkollhom fuqhom is-sens li dak li jagħmlu ma jiswiex u flimkien mal-idea li l-problemi huma hemm għal dejjem, xhieda tan-nuqqasijiet tagħhom stess.