Jekk din il-ġimgħa sejjer lejn Ħal Qormi filgħaxija…

Minn għada aħsiblu jekk sejjer lejn Ħal Luqa jew Ħal Qormi filgħaxija
Transport Malta ħabbret li għada se jitkompla xogħol t’asfaltar tal-proġett ta’ bini mill-ġdid tar-roundabout biswit id-dar tal-anzjani San Vinċenz de Paule, fit-triq ewlenija li minn Ħal Luqa twassal għal Ħal Qormi. 
Ix-xogħlijiet se jitkomplew bejn għada l-Ħadd sa nhar l-Erbgħa.
Partijiet minn dawn it-toroq biswit l-istess roundabout se jkunu magħluqa għat-traffiku f’dawn il-ġranet bejn is-7pm u l-5am.
Il-ħidma f’din ir-roundabout f’Ħal Luqa, li tgħaqqad Triq Ħal Qormi, Triq Ħal Farruġ, Triq l-Ingiered u Triq Ħal Luqa, tinkludi tfassil aħjar tar-roundabout biex jonqos id-dewmien fl-ivvjaġġar, waqt li jitbaxxa wkoll ir-riskju ta’ aċċidenti.
Fi stqarrija TM qalet li se jiżdiedu l-approach lanes li jwasslu għall-istess roundabout, waqt li jinbnew żewġ bypass lanes ġodda li permezz tagħhom tkun tista’ tgħaddi minn Triq Ħal Qormi lejn Triq l-Ingiered u minn Triq Ħal Luqa lejn Triq Ħal Farruġ mingħajr ma tuża l-istess roundabout.
Transport Malta tħeġġeġ lis-sewwieqa biex isibu toroq alternattivi, isegwu l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali fuq il-post u jsuqu b’attenzjoni.