Jekk Cuschieri ma jirriżenjax mill-MFSA, Abela ‘għandu d-dmir li jneħħih’ – Repubblika

L-għaqda Repubblika insistiet li l-kap eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji għandu jirriżenja immedjatament wara li ħareġ li aċċetta li Yorgen Fenech iħallaslu vjaġġ lussuż għal Las Vegas.

“Jekk ma jirreżenjax, il-Prim Ministru Robert Abela għandu d-dmir li jneħħih,” qalet Repubblika.

Kif ġie żvelat mit-Times of Malta, Cuschieri mar btala ma’ Fenech f’Mejju tal-2018, xahar biss wara li kien regolatur fl-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA) biex isir kap eżekuttuv tal-MFSA. Skont Repubblika, dan hu ksur gravi ta’ etika professjonali li jikkonferma li ma jixraqlux jokkupa pożizzjonijiet bħal dawn.

“Aħna nistagħġbu kif is-Sur Cuschieri ma jistħix iġib l-iskuża li kien għadu kemm spiċċa minn mal-MGA.  Daqs li kieku xi ħadd isir ħabib daqshekk malajr li fi żmien xahar iħallaslu vjaġġ bl-ajru għal-Las Vegas u jirrangawlu biex joqgħod fil-casino lussuż Ceasar’s Palace,” qalet Repubblika.

L-għaqda tenniet li imġieba etika u professjonali titlob li wieħed ma jkollux dawn it-tip ta’ relazzjonijiet għall-perjodu wara li jkun temm il-ħatra, speċjalment la Cuschieri kien qed jokkupa pożizzjoni pubblika ċentrali fil-qasam finanzjarju.

Innutat ukoll li jidher li Fenech kien iħobb jivvjaġa ma’ jew jagħti rigali lil uffiċjali pubbliċi: semmiet il-vjaġġi li kellu mal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u l-inbid Petrus u l-arloġġ Bulgari li ta lil Joseph Muscat. 

“Wasal il-mument li l-Gvern jara kemm hawn uffiċjali li siefru jew irċevew rigali mingħand Yorgen Fenech,” staqsiet Repubblika.

L-għaqda żiedet li dan kien mument tal-verità għal Abela. 

“Se jieħu passi jekk is-Sur Cuschieri ma jirriżenjax?  Jew se jagħlaq għajnejh bir-riskju li dan għandu fuq l-evalwazzjoni tas-servizzi finanzjarji li qed issir mill-Moneyval u l-impatt gravi ta’ rapport negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u s-servizzi finanzjarji,” staqsiet Repbblika.

“Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korrott. Dan huwa li jagħmel ħsara lil Malta u mhux min jiġġieled il-korruzzjoni.”