Jekk Brexit ma jseħħx qabel it-2 ta’ Lulju, l-Ingliżi jivvutaw għall-MEPs

REUTERS/Simon Dawson

Il-Kummissjoni Ewropea indikat li l-Ingliżi se jkollhom jagħżlu l-Ewroparlamentari tagħhom f’każ li l-pajjiż jibqa’ fl-Unjoni Ewropea. Ir-Renju Unit mistenni jitlaq mill-Unjoni Ewropea ffid-29 ta’ Marzu f’nofsillejl.

Il-parlament Ingliż vvotta kontra l-ftehim innegozjat biex il-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Jidher li l-aspettativi qed jiżdiedu f’Londra, bir-Renju Unit se jkollu jitlob għall-iktar żmien biex jiġu maqbula t-termini li bihom il-pajjiż se jkun qed joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Il-proposta tal-estenzjoni qajmet dibattitu sħiħ fuq jekk ir-Renju Unit għandux jipparteċipa fl-elezzjonijiet għall-parlament Ewropew biex jevita problemi legali iktar il-quddiem f’każ li l-pajjiż ma jkunx irrappreżentat fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Kelliem għall-Kummissjoni Margaritis Schinas qal li s’issa l-Kummissjoni għadha ma rcievet l-ebda talba mir-Renju Unit dwar estenzjoni għad-29 ta’ Marzu, u spjega li għalhekk id-diskussjoni għadha waħda teoretika.

Kompla jgħid li l-Parlament Ewropew huwa kompost legalment b’Ewroparlamentari eletti direttament minn kull membru stat tal-Unjoni Ewropea sal-iktar tard dakinhar li jibda t-terminu l-ġdid tal-Parlament, jiġifieri t-2 ta’ Lulju.