“Jeħtieġ nirreaġixxu flimkien” – PL; “Muscat irid jerfa’ r-responsabbiltà” – PN

Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa reat kontra kulħadd, u jeħtieġ li jkun hemm reazzjoni ta’ għaqda. Għal dan il-Partit Nazzjonalista wieġeb li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, kulma għamel wara d-delitt kien li ddikjara li ħadd mhu se jerfa’ r-responsabbiltà.
Fearne kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarjiet dalgħodu, meta qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, m’għandux triq oħra għajr li jitlob inkjesta maġisterjali biex issir magħrufa l-verità b’rabta mal-allegazzjonijiet li saru dwaru fl-aħħar xhur.
“Waqt li Joseph Muscat kien talab li l-allegazzjonijiet ikunu analizzati minn Maġistrat indipendenti, Adrian Delia dan qed jaħarbu. Dan huwa żball,” żied il-Ministru għas-Saħħa.
Temm jgħid li hemm bżonn li nogħlew ’il fuq mill-politika partiġġjana, u li l-Gvern determinat li jagħmel hekk.
“Muscat ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà” – PN
Sadanittant wieġeb il-PN, meta rrimarka li prim Ministru serju kien jerfa’ r-responsabbiltà politika u jassigura li tibda immedjatament ħidma biex jissaħħu l-istituzzjonijiet biex dak li ġara ma jerġax jirrepeti ruħu, iżda kulma għamel hu li qal li ħadd mhu se jerfa’ r-responsabbiltà.
Il-PN tenna t-talba tiegħu biex il-PM, l-AĠ u l-Kummissarju tal-Pulizija jirriżenjaw.