“Jeħtieġ ningħaqdu biex niġġieldu r-radikalizzazzjoni u nsaħħu l-fruntieri esterni” – Carmelo Abela

Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li l-pajjiżi membri jeħtieġ li jingħaqdu biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u biex jissaħħu l-fruntieri esterni.
Waqt indirizz madwar mejda dwar id-Difiża fl-Ewropa organizzata lbieraħ minn Munich Security Conference u mill-Women Political Leaders Global Forum fil-Palazz Verdala, il-Ministru qal li Malta se tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Federica Mogherini.
Fost l-irwolijiet importanti ta’ Mogherini hemm il-ħarsien taċ-ċittadini Ewropej, it-tisħiħ tas-sigurtà interna u biex l-Ewropa jkollha preżenza aktar qawwija fuq livell globali.
Il-Ministru Abela tkellem dwar it-tħassib tal-Ewropej fuq it-terroriżmu estern u domestiku u saħaq li l-mexxejja għandhom jindirizzaw u jfasslu l-politika tagħhom fuq dawn il-biżgħat.
Saħaq li ċ-ċittadini Ewropej iħossu li l-Unjoni Ewropea tista’ tindirizza l-instabilità fil-viċinat tagħha filwaqt li taħdem għal difiża Ewropea aktar b’saħħitha.
Il-Ministru Carmelo Abela fakkar ukoll fit- Trattati taħt id-dispożizzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni li jisħqu li l-Unjoni għandu jkollha rwol ta’ tmexxija f’operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti, u fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali.
Għal din il-laqgħa, li saret lejlet laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri tad-Difiża tal-UE fil-Belt Valletta bejn illum u għada, kien hemm preżenti wkoll il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-laqgħa serviet ta’ opportunità għal grupp magħżul ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet biex jiskambjaw fehmiet u proposti dwar kwistjonijiet kurrenti b’rabta mad-difiża u mas-sigurtà f’ambjent informali. 

Ritratt: Doi- Jeremy Wonnacott