“Jeħtieġ naġġornaw il-valuri tradizzjonali tagħna” – Alfred Sant

L-Ewroparlamentari Alfred Sant ħeġġeġ sabiex il-popli kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) jaġġornaw il-valuri tradizzjonali maż-żminijiet tal-lum, b’hekk tiżdied it-tolleranza u l-karattru liberali tal-Ewropa.
Sant kien qed jitkellem fid-diattitu Diskors ta’ mibegħda, populiżmu u aħbarijiet foloz fuq il-midja soċjali – lejn reazzjoni Ewropea.
Huwa rrimarka li jekk ma naġġornawx il-vakuri tagħna, ma nkunux nistgħu nirrispondu, inkella nispiċċaw nirrispondu b’mod żbaljat, għall-kliem ta’ mibegħda u atti vjolenti lejn l-immigranti u r-refuġjati, fost oħrajn.
Dan qed iwassal biex il-populiżmu u l-estremiżmu qed dejjem jiżdiedu f’Ewropa tqila bir-rabja u t-tensjoni.
Sant poġġa bosta mistqsijiet x’wieħed jista’ jixtarr:

  • Id-dritt li noffendu, meta jiġi ekwivalenti għal diskors ta’ mibegħda? Taħt liema kundizzjonijiet l-osservanza ta’ tradizzjonijiet reliġjużi tikkontradixxi prattiċi liberali?
  • Kif nistgħu niġġustifikaw sorveljanza riġida fuq l-internet, inkluż ‘iċ-ċensura’, biex niġġieldu ‘l-aħbarijiet foloz’?
  • Sa liema punt id-dritt tal-privatezza tal-individwu jipprevali fuq miżuri ta’ sorveljanza biex jittaffa t-tħassib  relatat mal-internet u attivitajiet oħra kriminali, bħal frodi fit-taxxa u diskors ta’ mibegħda?

Temm l-intervent tiegħu billi fakkar li s-sistema ta’ valuri liberali li ilha mxettla fl-Ewropa ħolqot soċjetà miftuħa u tolleranti li tħalli d-diversità, il-ħsieb, l-espressjoni u r-rispett jitkattru. Din is-sistema, Sant kompla, qed tbati biex tlaħħaq mat-tensjonijiet kurrenti.