Filmat: “Jeħtieġ li l-Knisja tgħin aktar lin-nisa li jikkontemplaw l-abort” – l-Isqof Scicluna

Il-Knisja "għamlet ftit wisq" biex tgħin lil dawk in-nisa li l-abort jidher quddiemhom bħala l-unika soluzzjoni speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn it-tarbija tkun tnisslet f'kuntest ta' vjolenza jew ta' faqar.
Dan qalu l-Isqof Awżiljajru u Vigarju Ġenerali Charles J. Scicluna, waqt l-aħħar sessjoni tal-Assemblea Djoċesana bit-tema "Knisja qaddejja tal-bniedem, qaddejja tal-ħajja."
Ma' Newsbook.com.mt, l-Isqof Scicluna spjega li l-komunità Nisranija jeħtieġ tkun viċin dawn l-ommijiet biex iħossu l-imħabba u jagħrfu li mhux qegħdin waħedhom. Qal li dan għandu jwassal biex l-omm tagħraf tapprezza d-don tal-ħajja anke jekk it-tarbija tkun twieldet f'sitwazzjonijiet diffiċli.
L-Isqof Awżiljarju għamel referenza għall-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku "Il-Ferħ tal-Evanġelju" u spjega li l-Insara għandhom is-sejħa u huma fid-dmir li jieħdu ħsieb lil min hu dgħajjef. Fost dawn hemm it-trabi li jkunu għadhom fil-ġuf u l-anzjani li jkunu waslu fit-tmiem tal-ħajja f’din id-dinja.
Żied li l-bniedem għandu dmir li jkun ħarries tal-ħlejjaq kollha anke dawk l-aktar dgħajfa.
Ma' din il-kategorija, l-Isqof Awżiljarju poġġa lit-tarbija fil-ġuf li tiddependi fuq id-deċizjonijiet tal-omm u n-nies ta' madwarha u anke l-anzjani li l-kura u l-kwalità tal-ħajja tagħhom tiddependi ukoll fuq bnedmin oħra.
Fakkar kif hawn bnedmin li jridu jċahhdu lil dawn il-persuni mid-dinjità umana tagħhom.
Għalaq id-diskors tiegħu billi spjega li jekk il-bniedem minn kull fejn jgħaddi jħalli warajh sinjali ta' qerda u ta' mewt, dawn se jaffettwaw il-ħajja tal-ġenerazzjoni tiegħu u ta' dawk li ġejjin warajh.
Waqt din is-sessjoni tkellem ukoll Fr Emanuel Agius, id-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, li saħaq li l-Knisja, bhala qaddejja tal-ħajja, jeħtieġ ukoll li "tkun il-vuċi ta' tant bnedmin li qed jitilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran fil-vjaġġ tagħhom bit-tama li jtejbu l-kundizzjoni umana.
Fakkar ukoll kif argumenti favur l-abort se jkunu qed jitqanqlu u f'dan il-kuntest il-Knisja se tidher bhala insensittiva għall-bżonnijiet tal-oħrajn.
Kien hawn li ħeġġeġ biex il-Knisja tkun preparata biex tispjega u tiddefendi l-pożizzjoni tagħha favur il-ħajja mill-bidu sat-tmiem tagħha.

Filmat: Reel8 Productions
Ritratti: Photocity