Jeħlu għomor il-ħabs; Xaqq ta’ tama wara 25 sena

Fil-Qorti Konstituzzjonali ġie deċiż li priġunieri li jkunu qed iservu sentenza ta’ għomorhom il-ħabs se jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-parole wara li jkunu servew minn tal-inqas 25 sena. 
Dan wara li l-Imħallef Joseph R. Micallef kien qed jilqa’ r-rikors li kien ressaq Brian Vella, li qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs, wara li qatel koppja anzjana f’Santa Luċija.
Fil-Qorti l-Imħallef Micallef qal li anke jekk persuna tinstab ħatja ta’ wħud mill-eħrex kriminalitajiet, ma għandiex titneħħielha d-dinjità u lanqas id-dritt li tittama li xi darba tinħeles.
Vella kien ressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ħames snin ilu, għax il-liġi Maltija ma tagħtix ċans li persuna li tkun weħlet għomorha l-ħabs tapplika li titnaqqsilha il-piena li tkun ingħatat jew li tapplika għall-parole.
Fl-2007, Vella kien instab ħati li fis-sena 2000 qatel żewġ ġirien anzjani, Gerald Grima ta’ 79 sena, u martu Josephine ta’ 63 sena. 
Vella kien ikkundannat għomru l-ħabs, liema sentenza kienet ġiet ikkonfermata fl-2011 f’appell.
Minkejja li skont il-liġi, f’Malta, min jeħel għomru l-ħabs, imut il-ħabs, id-deċiżjoni li ttieħdet il-Qorti dalgħodu jaf tbiddel is-sistema. 
Madanakollu, issemma wkoll li Vella kellu privileġġi hekk kif ingħata ċ-ċans li joħroġ mill-ħabs b’mod temporanju ħames darbiet. Xi ħaġa li skont l-Imħallef turi li rimedji ordinarji jeżistu u huma aċċessibbli.
Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li malli Vella jagħlaq il-25 sena ħabs, se jkun jista jitressaq quddiem il-Bord tal-Parole sabiex jagħti r-raġunijiet tiegħu għalfejn għandha titnaqqaslu l-piena.