Jeħel sentejn ħabs wara li sabbat kelb ma’ komodina u qatlu

Read in English.

Żagħżugħ u li sabbat u qatel il-kelb ta’ ommu ma’ komodina fid-dar tagħha f’Birkirkara weħel sentenza ta’ sentejn ħabs u multa ta’ €5,000.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal fil-Qorti li d-deċiżjoni tirrifletti l-kattiverja mwettqa fuq il-kelb u għandha sservi biex tibgħat messaġġ ċar lis-soċjetà fejn jidħol l-obbligu tal-ħarsien xieraq tal-annimali. Sostna li t-tweġiba li ta Leon Borg fis-seduta tat-22 ta’ Lulju tal-2019 meta staqsewh għaliex sabbat il-kelb mal-komodina mhix aċċettabbli. Iż-żagħżugħ li huwa residenti Birkirkara u għandu 23 sena kien wieġeb jgħid li sabbat lill-kelb mal-kommidina “għax peress li ra lill-pulizija beda jinbaħ ħafna u ma riedx jieqaf.”

X’ħareġ fil-Qorti?

Fil-21 ta’ Lulju tal-2019, fit-8.30pm omm Borg marret l-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara fejn irrappurtat li wara li binha bela’ kaxxa pilloli Selequel sar aggressiv. Il-pulizija tad-distrett u dawk tal-RIU marru fir-residenza flimkien mal-omm.

Huma sabu lil Borg fuq il-kamra ta’ fuq il-bejt, fejn x’ħin għajtulu l-Pulizija qam u x’ħin kien nieżel isfel ċedew żewġt iknatan. Hu telaq idejh u ġie fuq folja ta’ fibre li kienet qed tgħatti bokka ta’ shaft. Din inqasmet bih u biex ħareġ minnha kellu bżonn l-għajnuna tal-Pulizija.

Il-Pulizija mbagħad interrogat liż-żagħżugħ fir-residenza u talbitu jgħidilha x’pilloli kien ħa. Hu kien wieġeb jgħid li ma kien ħa xejn u għadda lill-Pulizija 45 pillola li kienu fil-but tal-qalziet. Mistoqsi jekk hu kienx preskritt li jieħu dawn il-mediċini, hu wieġeb fin-negattiv.

Sakemm il-Pulizija kienet qed titkellem miegħu, l-imputat daħal ġol-kamra tas-sodda fejn kien hemm ommu flimkien ma’ ħuh iż-żgħir. L-imputat ħa l-mowbajl li kellu f’idejh ħuh u sabbatulu mal-art. Dak il-ħin, kelb tar-razza Chiuaua ta’ lewn iswed u li kien jismu Otis, nebaħ. Iż-żagħżugħ qabad lill-kelb minn dahru, qabadlu saqajh u sabtu darbtejn fuq il-komodina. Il-Pulizija intervjenew sabiex ma jkomplix iweġġa’ l-kelb. Hu mbagħad ġie arrestat.

Fil-Qorti l-Pulizija xehdu li l-imputat irreżista l-arrest u b’hekk il-Pulizija kellha tuża forza minima biex jiġi mmanettjat u jittieħed fl-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara. Kuntistabbli tal-Pulizija sofra żewġ barxiet fil-minkeb tax-xellug u b’hekk sofra ġrieħi ħfief.