Jeħel multa ta’ €20,000 talli ħaqar 23 kelb

Lewis Pace residenti l-Ħamrun ġie mmultat €20,000 u kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li ħaqar 23 kelb.

Dan ir-reat seħħ fis-7 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra. Il-klieb nstabu fi stat ħażin f’dar fi Triq Barth fil-Ħamrun. Fi spezzjoni fi propjetà privata li għamel fil-Ħamrun, id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali kien ġabar 23 kelb, li sebgħa minnhom kienu għadhom ġriewi. L-ispezzjoni kienet saret fuq telefonata anonima.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnatlu wkoll iħallas €5,000 lill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u spejjeż tal-Qorti.

Il-Qorti semgħet kif il-klieb instabu fi stat ta’ abbandun jgħixu fil-ħmieġ tagħhom stess. Instab ukoll li l-ebda wieħed mill-klieb ma ġie identifkat elettronikament. Xi wħud kienu qed jinżammu wkoll f’gaġeġ li tant kienu żgħar li kienu tajbin biss biex fihom jinżammu l-fniek. Il-klieb ma ngħatawx x’jieklu. Il-klieb kienu qed ibatu minn diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa, fosthom problemi fil-ġilda, kif ukoll f’għajnejhom.

Il-Qorti qalet li ma kinitx qed timponi sentenza ta’ ħabs effettiva minħabba l-istat ħażin ta’ saħħa tal-akkużat u għax ma tqisx li hu ta’ periklu għas-soċjetà. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Galea.