Jeħel il-ħabs għax neża’ l-qalziet f’ħanut tal-ikel

Żagħżugħ weħel sitt xhur ħabs u multa wara li ammetta li neża’ l-qalziet f’post pubbliku f’Ħal Qormi meta kien xurban.

Il-Libjan ta’ 26 sena tressaq il-qorti llum akkużat li kien fis-sakra u ma setax jieħu ħsieb tiegħu innifsu, li offenda l-morali meta neża’ l-qalziet f’post pubbliku, li qal kliem oxxen fil-pubbliku, hedded lil diversi nies, li qeda l-bżonnijiet tiegħu barra fit-triq u li huwa riċediv.

Dan ġara nhar il-Ġimgħa filgħaxija fi stabbiliment tal-ikel f’Ħal Qormi. Iż-żagħżugħ daħal fil-ħanut u ried jiekol b’xejn. L-impjegati bdew jiqfulu, u hu, b’risposta, neża’ l-qalziet u beda jinsulentahom. Insulenta wkoll lil xi klijenti meta dawn irrifjutaw li jagħtuh il-mowbajl tagħhom. Beda jgħajjat fit-triq u jgħid kliem oxxen, neża’ l-qalziet fit-triq mill-ġdid u għamel il-bżonnijiet tiegħu.

L-avukatessa tal-għajnuna legali spjegat lill-Qorti li l-akkużat ilu Malta għal erba’ snin, m’għandux fejn jgħix u qed jispiċċa ġej u sejjer il-ħabs minħabba li mhuwiex jingħata għajnuna għall-problema li għandu ta’ xorb żejjed. Min-naħa tal-Prosekuzzjoni, ingħad li l-akkużat ikkopera mal-pulizija, u għalhekk, il-Prosekuzzjoni ssuġġeriet li l-Qorti tirrakkomanda lid-Direttur tal-Ħabs biex l-akkużat, ladarba jintbagħat il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tax-xorb.

Għalhekk, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, kkundannat liż-żagħżugħ għal sitt xhur ħabs u tatu multa ta’ €150, filwaqt li għamlet ir-rakkomandazzjoni suġġerita lid-Direttur tal-Ħabs.