Jeħel il-ħabs għal reat ta’ 11-il sena ilu

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras waslet għall-konklużjoni li raġel ta’ 29 sena għandu jingħata sentenza ta’ ħames xhur priġunerija wara li ammetta li 11-il sena ilu, għen erba’ żgħażagħ biex jakkwistaw il-kannabis. 
Johan Calleja ammetta li fl-2004 kien ittraffika u kellu l-kannabis u l-eroina.  Irrakkonta li kien mar Bormla jiltaqa’ ma’ raġel li kellu jagħtih id-droga għaż-żgħażagħ.
Il-Maġistrat ħadet nota li mill-2004 sa issa, l-akkużat ittella’ diversi drabi l-Qorti b’akkużi ta’ pussess ta’ droga iżda testijiet urew li bħalissa mhux qed jieħu droga. 
Madanakollu, il-Maġistrat ordnat li waqt li jkun fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kif ukoll wara, Calleja għandu jingħata l-għajnuna meħtieġa biex jegħleb il-problema tad-droga. 
L-akkużat ġie ordnat iħallas ukoll multa ta’ €600.