Jeħel €4,050 fl-ewwel lejl Malta għax qeda bżonnijietu barra

Ma tantx bdiet tajba vaganza ta’ żagħżugħ ta’ 28 sena f’Malta, wara li llum il-Qorti mmultatu b’kollox €4,050 talli qeda l-bżonnijiet tiegħu fil-pubbliku u rreżista l-arrest.
Stuart James Thomas Mcintyre minn Chester, l-Ingilterra, kien għadu kif wasal Malta lbieraħ, meta fl-ewwel lejl tiegħu ħareġ jixrob ma’ sħabu u siker xi ftit. Fil-Qorti nstema’ kif xħin il-Pulizija avviċinawh kmieni dalgħodu fis-Swieqi biex iwaqqfuh, ħebb għalihom u weġġa’ ħafif wieħed minnhom.
Quddiem il-Maġistrat Claire Louise Stafrace, id-difiża qalet li dan kien inċident sfortunat, iżda dlonk il-Maġistrat wieġbet lura li ma kienx, u li jekk iż-żagħżugħ ma kienx kapaċi jġib ruħu sew meta sakran, mela missu ma xorobx daqstant.
Mcintyre kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, kien sakran fil-pubbliku u li ma tax l-informazzjoni meħtieġa lill-Pulizija.
Fil-Qorti qal li jiddispjaċih ta li għamel, filwaqt li semma kif sa issa ma kellux vaganza sabiħa. Is-safra taż-żagħżugħ għandha sat-Tlieta li ġejjin.
Ihuwa ġie mmultat €50 talli qeda l-bżonnijiet tiegħu barra, u l-minimu bil-liġi talli rreżista l-arrest, jiġifieri €4,000.
Ingħata wkoll 6 xhur ħabs, sospiżi għal sena.