Jeħel €25,000 u sentenza sospiża għax tratta ħażin lill-annimali

Miguela Xuereb

Read in English.

David Pace ta’ 41 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €25,000 wara li nstab ħati li tratta ħażin numru kbir ta’ annimali f’razzett fil-Mosta.

Huwa nstab ħati wkoll li attakka u weġġa’ uffiċjali tal-pulizija meta marru biex jieħdu l-annimali. Pace ġie akkużat wkoll li kien reċidiv.

L-annimali kienu jinkludu 16-il żiemel niexef għuda, 15-il kelb marbut b’ċineg qosra, dundjani, fniek, tiġieġ u ħnieżer. Huma kienu kollha miżmuma illegalment fir-razzett, fl-agħar kundizzjonijiet u ma ngħatawx ikel jew kura xierqa. Uħud mill-annimali ma setgħux jiġu salvati u wieħed mill-klieb kellu jitraqqad minħabba l-istat li kien fih.

Il-Prosekuzzjoni ddeskriviet li kif l-annimali kienu qed jitgħabbew fuq il-vetturi tat-trasport tal-Pulizija, l-akkużat beda jħabbat fuq il-windscreen u jobżoq. Meta l-pulizija ppruvaw jrażżnuh, huwa qabad pulizija minn għonqu u gidmu.

Minn naħa l-oħra, Pace allega li hu ġie attakkat mill-pulizija quddiem ibnu u ommu, u sostna li sofra diversi ġrieħi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat ukoll li titneħħielu l-liċenzja tal-klieb għal 15-il sena. Il-Qorti ordnat ukoll li l-annimali kollha tiegħu jinżammu taħt kustodja mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.