Jeħel 6 xhur ħabs għax ippoża ta’ parker

Il-persuna li ppoża ta’ parker f’parkeġġ pubbliku fil-Belt, ingħata sentenza ta’ 6 xhur ħabs u ġie mmultat €2,000 wara li m’obdiex ordni tal-Qorti biex ma jersaqx lejn il-parkeġġ.
Hu ġie arrestat bħal-lum ġimgħa fil-parkeġġ ta’ Hastings, fejn kien qed joffri servizz biex jaħsel il-karozzi. Il-Pulizija żammet lir-raġel taħt il-kustodja minn dak inhar.
L-uffiċjali ta’ Transport Malta kienu ilhom jinsistu miegħu biex ma jibqax fil-parkeġġ fejn kien qed jippoża ta’ parker meta m’għandux it-tag ta’ Transport Malta.
Fil-5 ta’ Jannar, il-Maġistrat Joe Mifsud immultah €500, il-massimu li tippermetti l-liġi, u ordnalu ma jersaqx lejn iż-żona.
Minkejja dan, hu reġa’ ġie arrestat ħmistax wara. Reġa’ deher quddiem il-Maġistrat Mifsud fejn ġie kkundannat 6 xhur ħabs u ġie mmultat €2,000 wara li injora l-ordni tal-Qorti.
Fi stqarrija, Transport Malta fakkret lis-sewwieqa li jistgħu jipparkjaw bla ħlas fil-parkeġġi pubbliċi u mhumiex obligati jagħtu donazzoni.
Qalet ukoll li l-parkers liċenzjati għandhom jilbsu t-tag filwaqt li ħeġġew biex min jiltaqa’ ma’ każ bħal dan jirraporta fuq il-freephone 80072393.