Jeħel 480 siegħa servizz fil-komunità wara li ħeba dokumenti tal-Qorti

Read in English.

Impjegat tal-Qorti weħel 480 siegħa servizz fil-komunità wara li ħeba dokumenti tal-każ ta’ traffikar tad-droga.

Edwin Vassallo ta’ 58 sena ġie akkużat li fis-27 ta’ April kien ħeba dokument tal-Qorti ta’ każ partikolari li kien jinsab fl-arkivji pubbliċi billi għaddih lil uffiċjal pubbliku ieħor għal somma flus.

Fil-Qorti kien instema kif fis-27 ta’ April, il-pulizija kienet irċeviet rapport illi l-proċess tal-każ tal-Pulizija kontra Angel Attard kien insteraq mill-Bini tal-Qorti fil-Belt Valletta. Kienu infetħu investigazzjonijiet mill-Pulizija kif ukoll ġiet skattata inkjesta Maġisterjali dwar il-każ.

Stħarriġ tal-Pulizija kien sab li l-aħħar persuni li seta’ kellhom aċċess għall-proċess in kwistjoni kienu l-messaġġier tal-Qorti Joseph Bezzina u l-imputat Edwin Vassallo. Huma t-tnejn taw il-verżjoni tagħhom lill-Maġistrat.

Bezzina kien xehed illi dakinhar hu kien ġie avviċinat minn Edwin Vassallo fejn talbu sabiex jaħbilu d-dokument tal-Qorti. Min-naħa tiegħu Bezzina qal li aċċetta li jagħmel dan u li żamm il-proċess maqful fis-sigrieta tal-Awla numru 11. Aktar tard huwa induna li dan ma baqax hemm u rrapporta lis-superjuri tiegħu.

Intant, l-imputat Vassallo xehed illi Bezzina kien avviċinah madwar ftit ġimgħat qabel u staqsih jekk iridx jaqla’ lira żejda ta’ bejn €5,000 u €10,000. Vassallo xehed li kien għaddielu d-dokument iżda żied jgħid li ma kienx jaf fejn kien poġġieh Bezzina wara li għaddihulu. Meta mistoqsi għaliex aċċetta l-proposta li kien għamillu Bezzina hu spjega li għall-ewwel qallu li ma riedx ikollu x’jaqsam ma’ xi ħaġa tat-tip.

Il-Maġistrat Joe Mifsud rrakkomanda li s-Servizz fil-Komunità jsir fil-Kalkara maċ-Ċentru Parrokjali taħt is-superviżjoni ta’ Fr Brian Gialanze. Intant ir-raġel tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. Hu ntalab ukoll iħallas nofs l-ispejjeż tal-esperti li jammontaw għal €2,784 fi żmien tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni ġiet immexxija mill-Ispettur Frank Anthony Tabone.