Jeħel 18-il xahar ħabs għat-traffikar tad-droga; 4 persuni oħra arrestati

CMRU

Read in English.

Ħamest irġiel ġew arrestati għat-traffikar tad-droga, u wieħed minnhom weħel 18-il xahar ħabs dalgħodu.

Il-Pulizija ħabbret li fl-aħħar sigħat, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wettqet tliet ħidmiet b’rabta ma’ investigazzjonijiet dwar traffikar ta’ droga.

Fl-ewwel ħidma, f’Ħal Tarxien, raġel ta’ 43 sena kien arrestat wara li l-Pulizija osservatu jgħaddi b’mod suspettuż sustanzi lil persuni oħra. Il-Pulizija arrestat lir-raġel u minn tfittxija li saret fil-vettura li kien qiegħed isuq u fuqu, huwa nstab fil-pussess ta’ diversi pakketti li fihom kien hemm sustanza suspettata droga kokaina u eroina.

Ir-raġel tressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech, akkużat bi traffikar u pussess ta’ droga kif ukoll li huwa reċediv. Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat 18-il xahar ħabs u mmultat €500.

CMRU

Il-ħidma kompliet f’Bormla, għaliex il-Pulizija kellha informazzjoni dwar aġir suspettuż ta’ vettura li fiha kien hemm żewġ persuni. Il-vettura twaqqfet mill-Pulizija u kienu arrestati raġel ta’ 23 sena u ieħor ta’ 33 sena.

Minn tfittxija li saret, huma nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati kannabis u kokaina.

Il-Pulizija kompliet issegwi vettura oħra, din id-darba fil-Kalkara. Wara li waqqfuha, saret tfittxija fiha u fuq iż-żewġt irġiel, raġel ta’ 30 sena u ieħor ta’ 37 sena, u dawn instabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati li huma kannabis u kokaina.

L-investigazzjonijiet fil-konfront ta’ dawn l-erba’ persuni għadhom għaddejjin.