Jeħel 10 snin ħabs fuq 1.1kg kokaina

Venezwelan weħel għaxar snin ħabs u multa ta’ €25,000 wara li ammetta li kien involut fi pjan ta’ traffikar tad-droga kokaina sentejn ilu.

Il-każ ta’ Davide Castillo Rafael kien qed jinstema’ fil-qrati b’rabta ma’ pjan ta’ traffikar ta’ droga flimkien ma’ importazzjoni u pussess aggravat tal-kokaina f’Novembru tal-2016.

L-istess każ spiċċa quddiem il-Qorti Kriminali fejn il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, qalet li qed tieħu nota tal-fatt li l-akkużat ma kienx xellef difrejh mal-liġi qabel.

Madankollu espert xjentifiku tal-qorti kien stabilixxa li l-Venezwelan kellu aktar minn 1kg kokaina fuqu b’valur tas-suq li taqbeż il-€75,000.

Għalhekk il-Maġistrat Scerri Herrera qalet li qed tagħtih sentenza ta’ 10 snin ħabs, multa ta’ €25,000 filwaqt li ordnatlu wkoll iħallas mal-€4,300 fi spejjeż tal-qrati.