Jeħduha kontra l-fakultà minħabba żball f’eżami tal-Liġi

Studenti tat-tielet sena li qed isegwu l-kors tal-liġi fl-Università ta’ Malta jinsabu urtati u diżappuntati wara li lbieraħ kellhom żbalji fil-karta tal-eżami u ngħataw biss ħames minuti bħala ħin miżjud.
Ma’ Newsbook.com.mt, studenti li kellhom l-eżami tal-Industrial Legislation, indunaw bi żball f’waħda mill-mistoqsijiet, li kienet qed tikkwota Avviż Legali 2015 minflok Avviż Legali 2012.
Irrakkontaw kif sakemm ġie vverifikat li kien żball damu jistennew nofsiegħa. Madanakollu, qalu, li bħala ħin miżjud ingħatalhom biss ħames minuti.
Spjegaw li dan l-eżami hu ta’ siegħa, u għaldaqstant kull minuta mitlufa tgħodd.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li waqt l-eżami nqalgħet kommossjoni u wieħed mill-istudenti tant rrabbja li kisser mejda.
Dawn l-istudenti jħossu li l-Fakultà tal-Liġi li toffri wieħed mill-aktar korsijiet prestiġġjużi fl-università qed taqa’ fil-medjokrità.  Qalu li jittamaw li l-Fakultà għandha titgħallem tirregola ruħha malajr u tirrealizza li qed tirrappreżenta l-ġustizzja. 
Kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qal ma' Newsbook.com.mt li dwar dawn l-ilmenti tal-istudenti, l-Università ta’ Malta tgħid li d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi nnota dak li ġara u li se tinġibed l-attenzjoni lill-eżaminaturi għall-kunsiderazzjoni waqt il-proċess ta’ assessjar.