Jegħreq waqt li qed jipproponilha fit-Tanżanija

Facebook: Kenesha Antoine

Raġel Amerikan tilef ħajtu traġikament waqt li qed jipproponi lit-tfajla tiegħu taħt l-ilma. Huma kienu qegħdin waqt vaganza fit-Tanżanija fuq kabina tal-injam li minnha setgħu jaraw qiegħ il-baħar.

Fil-filmat li tpoġġa’ fuq Facebook mit-tfajla tiegħu huwa jidher taħt l-ilma b’karta li fuqha kien hemm miktub jekk tridx tiżżewġu.

Huwa jidher jgħum lejn it-tieqa taħt l-ilma, b’karta f’idu li fuqha kellu miktub ‘ma għandix nifs biżżejjed biex ngħidlek dak kollu li nħobb dwarek. Iżda nħobb kollox dwarek, u nħobbok iktar kull jum!’ Fil-filmat huwa jidher iddawwar il-karta fejn kellu miktub ‘Trid tkun marti? Trid tiżżewwiġni?’

Ir-raġel deher joħroġ iċ-ċurketta mill-malja qabel ma telaq minn quddiem il-kamera.

It-tfajla tiegħu poġġiet il-filmat fuq Facebook fejn tinstema’ tidħak u tgħid ‘iva, iva, iva!’

Iktar tard hi kitbet li s-sieħeb tagħha qatt ma ħareġ ħaj minn taħt l-ilma.

Id-Dipartiment tal-Istat ta’ l-Istati Uniti kkonferma li turist Amerikan tilef ħajtu fit-Tanżanija iżda ma ta l-ebda dettalji.