Jean Tabone jirbaħ il-kampjonat tat-Table Football Malta

Jean Tabone

Il-kampjonat tat-Table Football lokali li kien organizzat mill-Malta Table Football Sports Association (MTFSA), ġie fi tmiemu u bħal ma kien f’dawn l-aħħar snin, reġa’ kien kumbattut sal-aħħar ġurnata tal-logħob. Kien kampjonat maqsum fuq żewġ fażi, minħabba l-waqfa kawżata mill-Covid-19, imma din ma telfitx l-interess tal-membri u meta kien possibbli, komplew il-logħob tagħhom.

Fl-għola diviżjoni, dik tal-kampjonat Premier, kellna taqtiegħa bejn Jean Tabone u Samuel Bartolo, it-tnejn dehru ftit aħjar mill-kumplament tal-plejers l-oħra u kienu l-konfronti ta’ bejniethom li taw l-ewwel post b’vantaġġ ta’ żewġ punti lil Jean Tabone fuq Samuel.

L-erba’ rebbieħa

Fit-tielet post indaqs ġew Charles Aquilina u Jason Pisani. Dan kien kampjonat kumbattut u b’ħafna logħob interessanti, fejn ma naqsux is-sorpriżi. B’hekk issa għandna champion ta’ Malta ġdid. Ta’ min isemmi, li Jean Tabone jilgħab mat-tim Taljan ta’ Barcellona Mortillito u dan kien l-ewwel unur Nazzjonali għal Jean taħt il-kappa tal-MTFSA.

Alfred Bonnici

Fil-kampjonat tal-ewwel diviżjoni Alfred Bonnici spiċċa l-ewwel post mingħajr telfa. Hu kien segwit minn Frank Chetcuti u Tristan Fenech fit-tieni u tielet post rispettivament. Id-differenza tal-punti bejn l-ewwel tlett plejers kienet dik ta’ erba’ punti biss u b’hekk wieħed jista’ jimmaġina x’taqtiegħa kien hemm bejniethom.

Fil-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena kien Jeshua Bonnici li rebaħ, segwit minn Thomas Ebejer fit-tieni post.