Jean Pierre Farrugia mhux se jibqa’ attiv fil-politika

Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, l-eks kandidat Nazzjonalista it-tabib Jean Pierre Farrugia kiteb li mhux se jibqa’ attiv fil-politika.

Dr Farrugia kiteb li m’għandu ebda diffikultà li jiddentifika ruħu “mal-passat glorjuż tal-PN” iżda żgur ma jistax jgħid l-istess għal mod ta’ kif qed jitmexxa fil-preżent il-Partit li wassal biex tilef kull ħeġġa politika.

Qal li jinsab iddispjaċut li imejl li kien bagħat lil Dr Lawrence Gonzi fi Frar 2010, spiċċċat imxandra fuq il-ġurnali, mingħajr ma ttieħdu passi kontra l-persuna li tatha lill-midja.

Ikkuntattjat minn Newsbook, Dr Farrugia qal li m’għandu xejn xi jżid ma dak li diġà kiteb.

Fuq facebook, Dr Farrugia kiteb li kieku dakinhar Dr Gonzi sema’ dak li kellu xi jgħidlu tliet snin ilu, qal li kieku l-Partit Nazzjonalista kien imur “fl-Oppozizzjoni b’dinjità!”

Minkejja kollox qal li se jibqa’ imsieħeb fil-partit għal għomru.

L-eks kandidat Nazzjonalista, li ma ġiex elett f’din l-elezzjoni ġenerali qal li minkejja li ilu 30 sena membru fi ħdan strutturi tal-PN, mil-lum ‘il quddiem se jiddedika ħafna iktar ħin lill-familja u l-pazjenti tiegħu.