Aġġornata: Filmat: Jean Pierre Debono se jieħu post David Stellini fil-Parlament

Jean Pierre Debono ntgħażel mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista bħala dak li se jieħu s-siġġu ta’ David Stellini fil-Parlament. It-tellieqa għal dan is-siġġu kienet bejn Debono u Kevin Cutajar.

Debono ġab 42 vot, filwaqt li Cutajar ġab 40 vot.

Aqra: Illum il-PN jiddeċiedi min jieħu post Stellini; “Għandu jkun Għawdxi” – Said

Illum il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ sabiex jiddeċiedi min għandu jieħu s-siġġu ta’ David Stellini fil-Parlament. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said kiteb pubblikament li jemmen li s-siġġu għandu jimtela minn Għawdxi, u għadda l-messaġġ lil dawk fil-Kumitat li Kevin Cutajar jixraqlu jieħu s-siġġu.

Aqra: Kevin Cutajar jew Jean Pierre Debono bħala MP ġdid għall-PN?

Wara li David Stellini rreżenja mill-Parlament nhar it-Tlieta, urew l-interess tagħhom żewġ membri tal-Partit Nazzjonalista, l-eks Membru Parlamentari Jean Pierre Debono li kien ċeda postu fil-Parlament fl-2017 biex ikun fil-Parlament il-Kap tal-PN Adrian Delia, u Kevin Cutajar, li lbieraħ ġie elett kunsillier fix-Xagħra. Huwa ġab l-iżjed voti wara Stellini bħala kandidat Għawdxi fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Aqra: Kevin Cutajar interessat li jieħu s-siġġu ta’ Stellini

 

Il-PN jibgħat kjarifika

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-argument prinċipali favur li s-siġġu jmur għas-7 distrett kien li s-7 distrett fl-elezzjoni tal-2017 tella’ żewġ siġġijiet bil-kwota bħal Għawdex iżda ż-żewġ siġġijiet ċedihom, wieħed għal Partit Demokratiku u l-ieħor għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, għaldaqstant dan id-Distrett kien jixraqlu li jkollu deputat li jkun jista’ jaħdem fid-Distrett.