Jean Pierre Debono mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra

Il-kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono mhux se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari minflok David Stellini.

AQRA: Aġġornata: Is-siġġu parlamentari ta’ Għawdex insteraq b’qerq – l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN

AQRA: Aġġornata: Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista ppubblika l-ittra li Debono bagħat lill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Debono kien ċeda s-siġġu tiegħu fuq is-7 distrett wara li Delia kien ġie elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Is-Sibt li għadda l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista vvota dwar min għandu jieħu post David Stellini, wara li dan tal-aħħar irriżenja minn Membru Parlamentari. Stellini kkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew imma ma telax. Huwa rriżenja wara, biex b’hekk jmur lura għax-xogħol li kellu fi Brussell.

AQRA: “Mhumiex nagħaġ imma lpup” – Arrigo

Is-Sibt ittieħdet votazzjoni mill-Kumitat li kellu jagħżel bejn Debono u l-avukat Kevin Cutajar li kien imissu fil-lista tat-13-il distrett. Debono ġab żewġ voti iktar minn Cutajar. Wara nqalgħet kontroversja dwar min seta’ jivvota jew le.

Fl-ittra tiegħu, Debono qal li kemm hu u kemm Cutajar kellhom il-lista ta’ min seta’ jivvota s-Sibt, u sostna li ħadd minnhom ma sab oġġezzjoni għal dawk imniżżla fuq il-lista. Debono kompla jgħid li dakinhar li ttieħed il-vot ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni dwar dawk li setgħu jivvutaw u spjega li dwar il-vot tat-teżorier tal-Partit, David Camilleri, dan ilu xhur u qatt ma kien hemm notifika biex il-vot tiegħu jitneħħa.

AQRA: It-teżorier tal-PN f’kontroversja dwar il-vot tas-Sibt; il-PN iwieġeb

Debono ċaħad li kellu x’jaqsam mal-proċess tal-votazzjoni li ttieħdet nhar is-Sibt u sostna li ma ħa l-ebda tip ta’ deċiżjoni.

Fl-ittra ċaħad ukoll li kien hemm xi tip ta’ ftehim bejnu u bejn Delia meta dan ċeda s-siġġu tiegħu biex b’hekk Delia li ma kienx ħareġ għall-elezzjoni ġenerali bikrija li saret fl-2017 seta’ jitla’ fil-Parlament. Sostna li kull min ried seta’ jikkontesta. Huwa ddeskriva bħala fabrikazzjonijiet l-affarijiet li ntqalu dwar li seta’ kien hemm ftehim.

AQRA: X’fiha l-iskrittura li semma Arrigo?

AQRA: Aġġornata: Filmat: Jean Pierre Debono se jieħu post David Stellini fil-Parlament

AQRA: Il-PN jitlob biex il-mozzjoni ta’ co-option ta’ Jean Pierre Debono tiġi posposta

Huwa temm l-ittra tiegħu billi rringrazzja dawk kollha li tawh fiduċja u appoġġ.

Wara l-laqgħa tas-Sibt, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista rriżenja mill-kariga tiegħu. Huwa qal li jappella lil min għandu responsabbiltajiet akbar minn tiegħu biex jimxi fuq l-eżempju tiegħu u jagħmel bħalu. L-Ewroparlamentari David Casa fuq Twitter irringrazzja lil Sammut għall-kuraġġ tiegħu.

AQRA: Filmat: “Nappella lil min għandu responsabbiltà akbar biex jagħmel bħali”; Sammut jirreżenja minn President tal-Eżekuttiv

Iktar kmieni t-Tnejn filgħodu ġie ppreżentat protest ġudizzjarju quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex il-Partit Nazzjonalista jħassar l-vot li ttieħed is-Sibt.

AQRA: Protest ġudizzjarju kontra l-PN dwar il-co-option ta’ Debono 

Il-fergħa taż-żgħażagħ Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, t-Tnejn filgħodu sostna li għandha tintrefa’ responsabbiltà politika dwar dak li ġara s-Sibt filwaqt li sostna li s-sitwazzjoni ma għadhiex waħda tenibbli.

AQRA: “Għandha tinġarr responsabbiltà politika” – MŻPN