Jattakkaw lill-Papa għax ġietu ħniena mill-immigranti

Il-Papa Franġisku jisħaq kontinwament fuq id-dinjità umana

Wara l-qari tal-Anġelus, il-Papa Franġisku dalgħodu appella lill-awtoritajiet biex juru solidarjetà b’mod urġenti mal-immigranti li jinsabu l-baħar peress li l-ebda pajjiż mhu qed joffrilhom ażil. Għal dan l-appell, il-Papa qala’ ħafna kritika, peress li bosta qed jgħidu li hu jmissu jagħmel xi ħaġa biex jgħinhom li tmur lil hinn mill-kliem.

Huma ħafna l-kummenti onlajn li jgħidu lill-Papa li jmissu jilqagħhom fil-Vatikan qabel ma jgħid lil pajjiżi u awtoritajiet oħra biex jiftħu l-bibien tagħhom.

Min-naħa l-oħra, hemm nies li qegħdin jaqbżu għall-messaġġ tal-Papa u jgħidu li hu mhuwiex qed jindirizza lil Malta, iżda lill-pajjiżi Ewropej. Ħafna huma tal-fehma li l-immigranti għandhom jiddaħħlu Malta jew fi kwalunkwe pajjiż, u mbagħad jitqassmu bejn pajjiżi oħra, imbasta ħajjithom ma jkunux għadhom fil-periklu fil-baħar f’dan il-maltemp.

L-Arċisqof ikkritikat ukoll

L-Arċisqof Charles Scicluna wkoll qala’ kritika mingħand bosta Maltin wara ż-żjara tiegħu lill-bastiment Lifeline, li jinsab maqbud f’Malta. Huwa qal li d-49 immigrant abbord Sea-Watch 3 qed isofru “inġustizzja kbira,” għal liema kliem kienu bosta l-Maltin li qalu li qabel ma ngħinu lill-barranin, jeħtieġ li naraw x’inhuma l-ħtiġijiet tal-poplu Malti stess.