5 xhur wara l-assassinju ta’ Daphne: Min ifaħħar; min iżeblaħ

Wara li għaddew ħames xhur mill-assassinju tagħha, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadha tissemma' waqt attivitajiet, fl-aħbarijiet, u anke minn dawk li kienu u għadhom jikkritikawha.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Fakultà tal-Midja fl-Università ta' Malta Ġorġ Mallia ħoloq tpinġija f'għeluq il-ħames xahar mill-assassinju ta' Caruana Galizia.

Iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia hija akar diviżiva issa milli meta kienet ħajja.
Fuq Facebook Micallef tella’ ritratti ta’ strixxuni li twaħħlu fuq riklam tal-Valletta 2018. Skont Micallef, dan kien att illegali u ta’ provokazzjoni.
Huwa kiteb li ordna biex dawn l-istrixxuni li kellhom il-kliem “baqgħu sakemm qatluha” jitneħħew immedjatament.

Ħames xhur mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, persuni mhux identifikati reġgħu waħħlu strixxuni twal mat-toroq ewlenin ta’ Malta bil-kliem “Baqgħu sakemm qatluha”.
Qabel ma’ ġiet assassinata, Daphne Caruana Galizia kienet irċeviet ħafna abbuż u theddid. Hi ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017. Bħalissa, 3 persuni jinsabu akkużati bil-qtil tagħha. Il-moħħ ta’ wara l-assassinju għadu ma nstabx.