‘Jason gideb dwari’ – Delia; ‘Hemm provi kontrik fil-Qorti’ – Azzopardi

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ protest ġudizzjarju kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi minħabba aktar komunikazzjoni li allegatament teżisti bejn Delia u Yorgen Fenech, l-akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Fil-protest ġudizzjarju, Delia jallega li Azzopardi “ħammġu” meta qed jindika ma’ nies illi hemm aktar messaġġi bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech, l-akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Min-naħa tiegħu fi stqarrija pubblika, Jason Azzopardi stieden lil Delia jirriżenja jekk fil-Qorti jirriżulta li jeżistu provi li kellem jew iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fl-2019. Jason Azzopardi indika li teżisti prova forensika fil-mobile ta’ Yorgen Fenech li turi komunikazzjoni u jew laqgħat bejn Delia u Fenech fl-2019.

Fi protest ġudizzjarju li ġie mgħoddi lis-sit Illum.com.mt, sar magħruf li dawn l-Kap tal-PN ħadha kontra Azzopardi minħabba “qlajjiet” u “malafama” li d-Deputat allegatament qed jagħmel kontra Delia.

Fil-protest ġudizzjarju Delia jgħid li kieku vera kellu din l-informazzjoni Azzopradi messu ħa azzjoni dakinhar. Il-Kap Nazzjonalista, permezz tal-avukat tiegħu, jagħmel twissija biex Azzopardi jieqaf ixerred “din il-malafama” u qal li dawn huma tattiċi li ma jagħmlux ġieħ, la lil Azzopardi u wisq inqas lill-PN. 

Għada l-Kunsill Ġenerali se jkompli jitlaqqa’ f’jum ta’ votazzjoni illi fih il-Kunsilliera se jagħżlu jekk it-tesserati jivvutawx f’vot ta’ fiduċja jew f’vot għal Kap ġdid.