Jason Azzopardi mhux se jibqa’ jirrappreżenta lil Repubblika fil-każ tal-AFM

Press_Conference_Jason_Azzopardi

Read in English.

Jason Azzopardi ħabbar illum li wara konsultazzjoni u bi qbil mal-NGO Repubblika se jkun qed jirrinunzja l-inkarigu tiegħu li jassisti fil-każ pendenti b’rabta mal-ekwipaġġ tal-P52, patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Permezz ta’ stqarrija fuq Facebook, Azzopardi qal li din id-deċiżjoni ma kinitx faċli għax ħass li kien ta’ privileġġ għalih li jassisti klijenti li qed iħarsu d-drittijiet tal-bnedmin kollha mingħajr distinzjoni ta’ razza.

Fis-16 ta’ April, l-għaqda Repubblika għamlet rapport kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi, u l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52. Iż-żewġ denunzji ta’ Repubblika ġew iffrimati mill-Avukati Jason Azzopardi, Paul Borg Olivier, u Andrew Borg Cardona. Repubblika talbet lill-Pulizija tinvestiga jekk Abela u Curmi humiex ħatja ta’ qtil volontarju.

Il-Prim Ministru kien indirizza lin-nazzjon nhar is-17 ta’ April fejn qal li jinsab “seren” wara li qal lill-Pulizija li lest joqgħod għal kwalunkwe investigazzjoni kontrih b’rabta mal-imwiet tal-immigranti fl-ibħra Maltin fl-aħħar jiem. F’diskors li ta fil-Berġa ta’ Kastilja, Abela qal li bħalissa jinsab taħt inkjesta maġisterjali fuq qtil volontarju – akkuża li ġġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs.

Fid-diskors tiegħu, Abela ddeskriva l-akkuża ta’ Repubblika bħala waħda mill-aktar serja. Qal li dan ifisser li l-ekwipaġġ tal-P52 u l-Brigadier se jibdew jiġu investigati fuq qtil volontarju. Qal li hemm 11-il membru tal-ekwipaġġ involuti.

Illum, Azzopardi sostna li l-PM qed imexxi kampanja razzista u orkestrata biex tintimida lil dawk kollha li jiqfulu. Qal li sab ruħu jaffaċċja kontroversja doppja, min-naħa għax hu wieħed mill-avukati ta’ Repubblika u min-naħa l-oħra għax hu Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni bir-responsabbiltà li jwettaq skrutinju tal-politika tal-Gvern dwar il-ġustizzja. Hu rrimarka li filwaqt li ma jħossx li hemm kunflitt bejn iż-żewġ irwoli, il-kontroversja qed titfgħu f’diffikultà biex jaqdi ż-żewġ funzjonijiet fl-istess ħin.

Skont Abela r-rapport kontrih u kontra l-armata sar mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi bil-barka tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li r-rapport sar mill-għaqda non-governattiva Repubblika u li ġiet iffirmata minn Azzopardi fil-kapaċità tiegħu bħala avukat u mhux bħala kelliem għall-Oppożizzjoni.

Azzopardi rrimarka li hu bl-ebda mod ma jrid li x-xogħol professjonali tiegħu bħala avukat jintuża mill-Prim Ministru Robert Abela bħala arma biex jaljena l-poplu mir-realtà. Qal li ma jistax jittollera li x-xogħol professjonali tiegħu jintuża “bl-aktar mod qarrieqi kontra l-Oppożizzjoni/Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Adrian Delia”.

Hu rrimarka li mil-lum il-quddiem, jekk ikun hemm każijiet oħra li jistgħu jkunu politikament sensittivi, hu jimpenja ruħu li jikkonsulta mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qabel jaċċetta l-inkarigi legali.

“Azzopardi jrid iwieġeb għal għemilu” – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li Azzopardi huwa responsabbli għall-azzjoni mitluba li tittieħed fil-konfront ta’ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), tal-Brigadier u l-Prim Ministru. Il-PL qal li Azzopardi “l-ewwel kien pront għamel l-akkuża, imbagħad wara li rriżulta li kienet falza mar jipprova jinħeba, iżda l-ebda stqarrija li joħroġ jew kelma li jgħid ma qatt tista’ tiskolpah minn dan l-att ta’ stemerrija li għamel motivat minn mibgħeda politika.”

Napprezzaw il-ġest ta’ rġulija ta’ Azzopardi – PN

Intant, il-Partit Nazzjonalista qal li japprezza l-ġest ta’ rġulija li wera Azzopardi “li ma setax jittolera sitwazzjoni fejn ix-xogħol professjonali tiegħu, kontra kull prinċipju tad-demokrazija, jintuża bl-aktar mod qarrieqi  kontra l-Oppożizzjoni/Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Dr Adrian Delia”.