Jason Azzopardi ma jinstabx ħati ta’ malafama

Il-kelliem għall-ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi ma nstabx ħati li mmalafama lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Il-każ imur lura għall-24 ta’ Ġunju 2015, meta fil-gazzetta Times of Malta kien ippubblikat artiklu fil-faċċata dwar id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data, bit-titlu “Former chief of police copied records illegally” b’ritratt ta’ Peter Paul Zammit.
Dakinhar Jason Azzopardi ta konferenza tal-aħbarijiet  dwar dan u appella lill-Prim Ministru jkeċċi lill-eks-Kummissarju tal-Pulizija. Irriżulta li t-titlu tat-Times of Malta ma kienx korrett u l-għada tal-konferenza tal-aħbarijiet it-Times of Malta ppubblikat kjarifika.
F’Diċembru tal-2015, Peter Paul Zammit bagħat kwerela biex il-Pulizija “Tipproċedi kriminalment kontra Dr Jason Azzopardi LLD, talli fl-24 ta’ Ġunju 2015, fil-Furjana, waqt konferenza stampa minnu organizzata pubblikament bil-ħsieb li jtellef jew inaqqas il-ġiegħ tiegħi, ingurjani bi kliemu billi falsifikament allega li meta jien kont nikkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, għaddejt kopji tal-kontenut ta’ file ta’ Elton Taliana lil Saviour Balzan.”
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti tkellmet fuq l-irwol tal-msedja biex ikun hemm demokrazija sħiħa f’pajjiż, fuq id-dritt għall-espressjoni ħielsa tal-kelma, fuq il-protezzjoni talespressjoni ħielsa tal-Membru Parlamentari u fuq azzjonijiet li jitnisslu minn reati tal-istampa, fost oħrajn.
Fil-konklużjoni, il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li la Peter Paul Zammit u lanqas il-pulizija ma ppreżentaw transkrizzjoni tad-DVDs li ppreżentaw fl-atti u li juru l-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Jason Azzopardi, minkejja li l-Qorti ordnat li jsir dan biex tkun taf fuq xiex hu mibni l-każ.
Qalet li tul is-smigħ tal-każ, Peter Paul Zammit ma tax indikazzjoni lill-Qorti liema huma l-partijiet tal-konferenza tal-aħbarijiet li jħossu malafamat bihom.
Saħaq ukoll li l-Pulizija jekk tħoss li ma kienx hemm provi biex tinstab ħtija, m’għandhiex isserraħ il-kuxjenza tagħha billi tgħid li ħadet parir mingħand xi ħadd fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għalhekk il-Maġistrat Joe Mifsud tenna li l-Qorti ma ssibx lil Jason Azzopardi ħati tal-akkuża ta’ malafama u tilliberah.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
B’reazzjoni l-PN qal li din is-sentenza tal-Qorti hi rebħa għal-libertà tal-espressjoni f’Malta u telfa għall-politika ta’ intimidazzjoni ta’ Joseph Muscat.
Sostna li joħroġ ċar li l-akkużi qatt ma kellhom jitressqu fl-ewwel lok, u dan jikkonferma dak li ilu jsostni l-PN, jiġifieri li dawn l-akkużi kontra Jason Azzopardi saru biex jippruvaw jintimidaw u jagħlqu ħalq l-Oppożizzjoni.

Reazzjoni Gvern
Il-Gvern qal li din is-sentenza hi konferma oħra li f’Malta l-liġi h i l-istess għal kulħadd.
Saħaq li bil-kontra ta’ li pprova jimplika l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-ġustizzja f’Malta tiġi amministrata mill-istituzzjonijiet bl-iktar mod indipendenti u imparzjali.
Il-Gvern qal li din is-sentenza tikkonferma li f’Malta m’hawn ebda attakk fuq id-demokrazija jew tal-libertà tal-espressjoni, kif ipprova jallega Simon Busuttil.