Jason Azzopardi “kiser il-kodiċi ta’ etika”; il-Kummissjoni tal-PN tirrakkomanda ċanfira

What a difference a Stay Makes
Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi nstab ħati li kiser artiklu 9 tal-Kodiċi tal-Etika tal-Partit Nazzjonalsita. Il-Kummissjoni etika, dixxiplina u media soċjali rrakomandat lill-Kunsill Amministrattiv biex iċċanfar lil Azzopardi talli aċċetta kull forma ta’ rigali bi ksur tal-liġi tal-Etika.

Fid-9 ta’ Novembru, Jason Azzopardi ssottometta ruħu għall-iskrutinju tal-Kummissjoni etika, dixxiplina u media soċjali wara artiklu li ħareġ fuq il-gazzetta Illum fit-8 ta’ Novembru.

F’Marzu tal-2017, Jason Azzopardi ma setax isib akkomodazzjoni f’Tel Aviv u talab l-għajnuna ta’ Ray Fenech minn Tumas Group. Azzopardi ġie alloġġjat fil-lukanda Hilton f’Tel Aviv għal tliet iljieli u waqt ic-check out sar jaf li l-lukanda tħallset minn Malta u Azzopardi ħallas tal-extras. Meta wasal Malta, Jason Azzopardi xtara rigal tal-fidda bħala ringrazzjament lil Ray Fenech biex ma jkollu l-ebda obbligazzjoni.

Il-Kummissjoni etika, dixxiplina u media soċjali fakkret li artiklu 9 tal-kap IV tal-Kodiċi tal-Etika tal-Partit Nazzjonalista jgħid li ‘l-ebda persuna li għaliha japplika dan il-Kodiċi m’għandha taċċetta rigali ta’ kull forma li jew minħabba l-valur tar-rigal jew minħabba ċ-ċirkostanzi oħra jista’ jinftiehem li qed jingħata biex jobbliga lil dik il-persuna versu terzi persuni. L-istess regola tapplika għal rigali lil mart, żewġ jew ulied tal-persuna’.

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni osservat li dan ir-rigal bl-ebda mod ma influwenza lil Azzopardi fil-qadi tar-rwol tiegħu, inkluz fil-ġlieda kontra l-istituzzjonaliżmu tal-kriminaltià u kontra l-korruzzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni rrakomandat li Azzopardi jiġi mċanfar.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler qal li l-fatt li Jason Azzopardi rreċiproka l-ospitalità f’Tel Aviv b’rigal tal-fidda ma tfissirx li jikkanċella r-rigal mogħti lid-deputat.