Joħroġ mill-ħabs minkejja li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest; tinfetaħ inkjesta

Jason Azzopardi jitlob għal inkjesta pubblika urġenti

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern ħatar inkjesta hekk kif sar jaf bil-każ ta’ raġel li nħareġ mill-ħabs minkejja li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

Kien id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li għamel dan il-każ pubbliku filwaqt li talab għal inkjesta pubblika urġenti.

L-inkjesta se titmexxa mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi. It-terminu tal-inkjesta hu ta’ mhux aktar minn 20 ġurnata.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li t-termini ta’ referenza jitolbu li jistabilixxu l-fatti kollha tal-każ u jsiru r-rakkomandazzjonijiet.

Żied jgħid li jidher li l-priġunier li qed issir referenza għalih kellu kawżi oħra minbarra dak li deher dwaru quddiem il-Qorti dalgħodu.

Azzopardi talab din l-inkjesta wara li l-Maġistrat staqsiet biex ir-raġel ikun akkumpanjat mill-uffiċjali tal-pulizija sal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hekk kif kienet se tiddeferi l-kawża. L-avukat difensur qal li r-raġel kien inħeles mill-ħabs fid-19 ta’ Lulju li għadda.

Azzopardi f’post fuq Facebook spjega li r-raġel kien ilu jhedded lil martu, kiser ordni ta’ protezzjoni u t-talbiet għall-ħelsien mill-arrest ġew irrifjutati erba’ darbiet. Madankollu huwa ħareġ mill-ħabs fid-19 ta’ Lulju.

Id-Deputat Nazzjonalista żied li r-raġel li kien fil-ħabs, infetħitlu ċ-ċella u l-bieb tal-ħabs sabiex seta’ joħroġ.

Jason Azzopardi qal li m’hemmx kliem iebsa biżżejjed biex jikkundannaw dak li ġara u talab il-Ministru għall-Intern jagħti spjegazzjoni għal dan permezz ta’ inkjesta pubblika. Il-Membru Parlamentari qal li anke l-Maġistrat qiegħda titlob lill-Ministru jispjega kif ġara dan il-każ.