Jason Azzopardi jitlef libell kontra Owen Bonnici

Il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi tilef il-libell li fetaħ lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici dwar kontroversja li qamet dwar il-valutazzjoni tal-birrerija Lowenbrau.

Fl-2017, il-Ministru Bonnici kien qal li meta Azzopardi kien Segretarju Parlamentari għall-Art tal-Gvern, kien iltaqa’ mal-intraprenditur Nazzareno Vassallo u wiegħdu kompromess dwar il-valur tal-art f’Ħal Qormi fejn qabel kien hemm il-birrerija. Qal ukoll li l-art ġiet trasferita lil Vassallo b’madwar €7 miljun inqas minn kemm suppost. Azzopardi kien sostna li dan mhux vera.

Skont il-Ministru Bonnici, il-kumment tiegħu ma kien fih xejn ħażin u kien ibbażat fuq xhieda li ta Nazzareno Vassallo fil-Qorti f’każ bejn Vassallo Builders group u Marsovin, li kienu qed jagħmlu użu mill-art.

Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale aċċetta li dan kien korrett u li l-kumment ta’ Bonnici kien ibbażat fuq rapport tal-Awditur Ġenerali. Il-kummenti ta’ Bonnici ġew ikkunsidrati li ma kinux defamatorji iżda kienu biss kummenti politiċi.