Jason Azzopardi jikkundanna l-massakru tas-siġar; il-PL jgħidlu li qed iħarref

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi kkundanna t-tqattigħ ta’ 550 siġra f’Santa Luċija. Fi stqarrija Azzopardi qal li Il-PN ma jistax ma jingħaqadx mal-eluf ta’ Maltin li qed juru rabja ġustifikata għall-massakru tas-siġar li l-Gvern għaddej iwettaq.

Huwa ddeplora n-nuqqas ta’ involviment u konsultazzjoni tal-Kunsilli Lokali, speċjalment ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien, li se jkunu milquta mill-qerda ta’ tant mijiet ta’ siġar.

Azzopardi qal li hu biss tidwir tal-kliem meta l-Gvern jgħid li se jħawwel dawn is-siġar fi bnadi oħra, għaliex l-esperti qed jgħidu li din ma taħdimx, filwaqt li s-siġar li se jinżergħu b’kumpens għal dawn il-mijiet li se jinqatlu se jieħdu ħafna snin sabiex jikbru u jkunu viżibbli u jkunu jistgħu jitgawdew.

Min-naħa tiegħu, l-Partit Laburista rreaġixxa billi qal li kien ikun aħjar li Azzopardi ħareġ jgħid kif se jerfa’ r-responsabbiltà tad-deal skandaluż tal-Lowenbrau u li tiegħu hu totalment responsabbli kif ikkonfermat din il-ġimgħa stess mill-Qorti.

Huwa qal  hija gidba dak li qed jgħid Azzopardi li l-gvern se jkun qiegħed iqaċċat jew joqtol mal-elf siġra, filwaqt li l-proġetti infrastrutturali li qed jikkritika l-Partit Nazzjonalista huma proġetti li kellhom isiru snin ilu.  Għax ma sarux, issa l-gvern irid jagħmel tajjeb għal kemm il-pajjiż waqa’ lura, fl-istess ħin li jrid iħejji l-infrastrutura tal-ġejjieni.

Il-Partit Laburista qal li l-gvern dan qed jagħmlu billi joħloq il-bilanċ meħtieġ bejn il-progress infrastrutturali li ilhom jokorbu għalih in-nies u l-ħarsien ambjentali. Tant li fi tmiem ta’ kull proġett se jkun hemm iktar siġar milli hemm illum u saħansitra saru bidliet bil-għan li l-impatt ambjentali jkun ferm inqas minn kemm kien ikun bi proġetti kif maħsuba orġinarjament.