Awdjo: Jason Azzopardi interessat li jkun viċi kap tal-PN

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, ikkonferma li huwa interessat għall-pożizzjoni ta’ viċi kap tal-PN. 
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Azzopardi qal li sa minn wara r-riżultat tal-elezzjoni, kienu bosta dawk li ħeġġuh jikkontesta għal din il-kariga.
Sostna li dawn il-persuni qalulu li hemm bżonn li jkun hemm persuna min-Nofsinhar ta’ Malta.
Jason Azzopardi qal li qabel jieħu d-deċiżjoni, irid jaċċerta ruħu dwar x’inhu u fejn l-aħjar jista’ jkun ta’ servizz għall-grupp parlamentari tiegħu.
Mistoqsi dwar il-kandidati għal kap tal-partit, Azzopardi enfasizza li “biex issir surmast trid tkun l-ewwel għalliem”, għax ma jħossx li persuna minn barra x-xena politika għandha tkun Kap tal-PN.
Esprima li ma jemminx li kandidat li qatt ma mmilita fil-partit għandu jilħaq kap tal-istess partit. Mill-kandidati kollha, l-avukat Adrian Delia biss qatt ma kien involut fix-xena politika.
Huwa enfasizza wkoll is-sapport tiegħu lill-kandidat Chris Said, li huwa wkoll membru parlamentari.
Qal li bejniethom hemm ħbiberija, iżda jemmen ukoll li Said għandu l-valuri, l-enerġija, il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa.