Filmat: “Chris Cardona qed jaqleb il-fatti” – Jason Azzopardi

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li d-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona qed jaqleb il-fatti tar-rapporti tal-Awditur Ġenerali rashom ’l isfel biex jattakkah personalment.
Dan wara li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona qal li l-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil għandu jieħu passi fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, bħalma kien għamel fil-każ tal-eks Membru Parlamentari Giovanna Debono.
Fi stqarrija, Dr Azzopardi qal li r-rapporti tal-Awditur Ġenerali jitkellmu ċar u jikkonfermaw li ma kien hemm ebda indħil politiku – la fl-esproprjazzjoni tal-proprjetà fil-Bajja tal-Fekruna f’San Pawl il-Baħar u lanqas fit-trasferiment ta’ proprjetà fi Triq Spinola f’San Ġiljan.
Stqarr li Dr Cardona għandu janalizza l-kontenut tar-rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar kollegi tiegħu fil-Kabinett, li jikkundannahom għall-indħil politiku kemm fix-xiri taż-żejt kif ukoll fl-iskandlu ta’ Gaffarena.
Temm jgħid li l-għaqda nazzjonali li tant tkellem dwarha Joseph Muscat ma tiġix billi tigdeb dwar l-avversarju, iżda billi tkun onest.
Aktar kmieni f’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista Dr Cardona flimkien mal-Membru Parlamentari Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi tkellmu dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar Azzopardi.
Huma  qalu li Jason Azzopardi huwa l-aktar eks Ministru Nazzjonalista li għandu l-aktar kundanni mill-Awditur Ġenerali.