Jason Azzopardi b’kontro-protest fil-konfront ta’ Delia

Jason Azzopardi Adrian Delia Yorgen Fenech

Read in English.

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi ppreżenta fil-Qorti kontro-protest għall-protest ġudizzjarju li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia lbieraħ.

Ilbieraħ, Delia fetaħ protest ġudizzjarju kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi minħabba aktar komunikazzjoni li allegatament teżisti bejn Delia u Yorgen Fenech, l-akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-protest ġudizzjarju, Delia allega li Azzopardi “ħammġu” meta indika ma’ nies li hemm aktar messaġġi bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech, l-akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Min-naħa tiegħu, fil-kontro-protest, Azzopardi ppreżenta screenshot tad-dikjarazzjoni pubblika li tella’ hu stess fuq Facebook ftit minuti wara li sar magħruf li Delia ppreżenta l-protest ġudizzjarju. Hu mill-ġdid ikkonferma dak li kiteb fil-post ta’ Facebook. Ilbieraħ, Azzopardi stieden lil Delia jirriżenja jekk fil-Qorti jirriżulta li jeżistu provi li kellem jew iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fl-2019. Jason Azzopardi indika li teżisti prova forensika fil-mobile ta’ Yorgen Fenech li turi komunikazzjoni u jew laqgħat bejn Delia u Fenech fl-2019.

Illum, Azzopardi rrimarka li bil-protest ġudizzjarju tiegħu, Delia qed jipprova jaħbi l-effetti politiċi tal-għażliet li għamel “wara kliem fieraħ legalistiku”. Qal li Delia ma jistax imeri dak li sejjaħlu fatt, jiġifieri, li Delia żamm qrib tiegħu “nies illi messu żamm ‘l bogħod minnhom”. Qal li dan għamlu minn wara dahar dawk li kienu jafdawh u insista li l-ebda protest ġudizzjarju mhu se jbiddel dan.

Azzopardi nsista li “l-għemil imwettaq mill-Kap tal-Oppożizzjoni wara d-9 ta’ Novembru 2018 meta kompla jitkellem ma’, jikkomunika ma’, u jiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, dgħajjef il-kritika u l-azzjonijiet tal-protestat, Membri Parlamentari oħra u s-soċjetà ċivili li lkoll flimkien attakkaw bil-qawwi b’sogru għalihom il-korruzzjoni ta’ Ministri tal-Gvern u uffiċjali pubbliċi permezz ta’ 17 Black bit-tixhim ta’ eluf ta’ euro kuljum minn fuq dahar il-Maltin.”

Yorgen Fenech, li huwa s-sid tal-kumpanija kontroversjali fil-Panama 17 Black, qed jiġi akkużat b’involviment bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Azzopardi qal li hu m’għandu xejn x’jirtira minn dak li kiteb fuq Facebook. Hu insista li Delia naqas milli jgħid “xi ħaġa sempliċi u naturali għal min ikun tassew innoċenti minn dawk l-akkużi li huwa qed jilmenta”. Qal li Delia mkien ma qal li dak allegat ma kienx veru. Hu insista li kieku Delia kien veru innoċenti, kien jiċħad, “imma ma ċaħadx”. Hu stieden lil Delia biex jieqaf “iħarref, iqarraq u jigdeb”.

Ghadni kemm ipprezentajt fil-Qorti risposta ghal dak li qal fil-protest ilbierah l-Kap tal-Oppozizzjoni.Grazzi lil…

Posted by Jason Azzopardi on Saturday, August 1, 2020