Jasmine tagħlaq 21 sena

Ġurnata speċjali għal Jasmine Abela hekk kif illum qed tiċċelebra għeluq sninha, eżattament 21 sena. Hija twieldet bħal-lum fl-1999.

Jasmine bħalissa qed tissemma’ ħafna wara li l-Ħadd li għadda nqalgħet mill-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta. Hija però għandha karriera li tmur bosta snin lura, qabel ma rajnieha fil-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta.

Fil-fatt kien fl-2012 li bdiet tieħu sehem f’festivals bħal San Remo Junior tal-2012.

Ħadet sehem ukoll f’diversi avvenimenti f’Malta fosthom Djamanti Mużikali, Ġensna, 50 Years of Maltese Music, iċ-CHOGM, u Rockestra.

Ħadet sehem ukoll darbtejn fil-Malta Eurovision Song Contest. L-ewwel darba kienet fl-2016, meta fl-età ta’ 16-il sena ikklassifikat fis-sitt post bil-kanzunetta Alive.

Fl-2018 erġajna rajniha f’dan il-festival bil-kanzunetta Supernoves.

Jasmine hija wkoll attriċi u ħadet sehem f’sensiliet bħal Ħbieb u Għedewwa u Ċirkostanzi.

Bla dubju li Jasmine għandha karriera twila quddiemha u se nkunu qed nisimgħu aktar biha. Filwaqt li nixtiequlha kull suċċess, illum nawhurawlha ġurnata mill-aqwa f’għeluq sninha.

Ad multos annos.