Jaslu l-Kambodja biex jgħallmu l-Ingliż lit-tfal

Grupp ta’ seba’ Maltin immexxi mill-attur magħruf Alan Montanaro wasal il-Kambodja. Hemmhekk se jgħallmu l-Ingliż permezz tad-drama lit-tfal tat-triq fil-kapitali Phnom Penh kif ukoll f’istitut tat-tfal. 

Mgħobbija b’kaxex mimlija ħwejjeġ, kotba, ġugarelli, ħalib u donazzjonijiet oħra, il-Maltin bdew il-vjaġġ bl-ajru ta’ 26 siegħa. Meta waslu f’Bangkok, huma sabu xi diffikultà minħabba l-ammont kbir ta’ bagalji li riedu jdaħħlu fil-pajjiż. Bl-għajnuna ta’ nies mill-lokal li se jkunu qed jospitawhom, irnexxielhom jibqgħu għadejjin.

Il-post fejn se jkunu qed jgħixu ma tantx hu lussuż, iżda huwa nadif u komdu. Huma ġew milqugħa minn grupp ta’ tfal, u wara żaru The Sacrifice Families and Orphans Development Organisation, istitut mimli tfal ferħana minkejja t-tbatija tagħhom.

Qabel ma jibdew il-ħidma tagħhom, se jkollhom kors qasir tal-lingwa tal-post, Khmer.

Il-ħwejjeġ u l-affarijiet l-oħra se jitqassmu bejn it-tfal fit-triq u dawk fl-istitut.