Jaslu 5 karozzi tal-linja mir-Renju Unit…minn għada fit-toroq Maltin

Waslu ħamsa mit-32 karozza tal-linja li se jkunu qed jintużaw f’Malta mill-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon għall-perjodu ta’ sena. Dawn se jibdew joperaw minn għada filgħodu.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Qormi, iċ-Ċermen tal-kumpanija Felipe Cosmen qal li aktar karozzi tal-linja mistennija jaslu fil-jiem li ġejjin.
Spjega li minkejja kienu qed jintużaw fir-Renju Unit, dawn il-karozzi  huma konformi mar-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet stipulati mir-regolatur fl-espressjoni ta’ interess li nħarġet minn Transport Malta.
Cosmen sostna li fost il-ħafna vantaġġi, dawn il-karozzi se joffru aktar sigurtà u kumdità lill-passiġġieri tal-linja minn dawk li qed jinkrew illum.
Qal li l-karozzi tal-linja huma twal 12-il metru, għandhom il-kuluri l-ġodda tal-kumpanija, mgħammra b’magna Euro 5, għandhom l-arja kundizzjonata, huma tat-tip low floor u huma aċċessibbli.
Iċ-ċermen ta’ Autobuses de Leon qal ukoll li dawn il-karozzi se jdaħħlu kunċett ġdid għas-sistema tat-trasport pubbliku f’Malta, għax għandhom żewġ bibien – waħda fuq quddiem minn fejn wieħed jitla’ u oħra fuq wara minn fejn wieħed jinżel.
Spjega li din l-innovazzjoni se tkun qed tnaqqas il-ħin tat-tlugħ u l-inżul tal-passiġġieri, li eventwalment se jgħin biex jinżamm aktar il-ħin tat-tluq u l-wasla fil-post.