Jasal Malta t-test li jgħidlek qattx kellek coronavirus

Read in English.

Il-Maltin u l-Għawdxin issa jistgħu jibdew jittestjaw lilhom infushom permezz tal-antibody test li jiddetermina b’rata ta’ 100% jekk wieħed qattx kellu l-virus tal-Covid-19.

Is-servizzi tal-Laboratorju Mediku fl-isptar Saint James ħabbar li bdew jagħmlu dan it-test tad-demm b’kollaborazzjoni mad-distributur farmaċewtiku Malti Vivian. Vivian qed jagħmel dan bi sħab mal-kumpanija Roche li qed timmanifattura dawn it-testijiet.

Is-sid tal-laboratorju Paul Sultana qal li l-Medical Laboratory Services dejjem żamm fuq quddiem ta’ dak li jkun qed jiġi żviluppat fix-xjenza billi jipprovdi lill-professjonisti fil-qasam mediku bl-aħjar riżorsi biex iwettqu dmirijiethom. Stqarr li l-kura tal-pazjenti hija fil-qalba tal-valuri tal-kumpanija tiegħu.

Is-Sales and Business Development Manager tal-kumpanija Vivian, Reuben Fava, qal li grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Roche, ir-residenti Maltin se jkollhom l-antibody test “f’ħin rekord”. Mingħajr ma ta aktar dettalji, huwa qal li Malta saret wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li qed joffru dan it-test biex. Il-popolazzjoni tiġi ttestjata.

Mill-14-il każ tal-lum 9 minnhom ma kellhom l-ebda sintomi iżda saru jafu li huma pożittivi għall-coronavirus bis-swab test li għamlu. B’dan l-antibody testing li wieħed jista’ jagħmel fl-isptar Saint James, wieħed jista’ jkun jaf jekk qattx kellu l-Covid-19 xi darba f’ħajjtu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn