Jarrestawh f’lukanda “għax ittraffika d-droga”

Olandiż ta’ 23 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kien arrestat f’lukanda f’Tas-Sliema fuq suspett ta’ traffikar tad-droga kokaina mill-iskwadra ta’ kontra d-droga.

Il-Pulizija arrestaw lir-raġel wara li rċevew informazzjoni li r-raġel kien qed jimporta d-droga f’Malta. Huwa qed jiġi akkużat li allegatament kellu fil-pussess tiegħu disa’ kapsoli tad-droga kokaina. Fil-Qorti l-pulizija spjegaw li r-raġel kien diġà biegħ kapsola qabel m’arrestawh.

Ir-raġel li kien akkużat bi traffikar, impurtar, distribuzzjoni u pussess tad-droga kokaina wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi. L-avukat tal-għajnuna legali ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.